Għerien
Għalfejn irridu naraw lil Malta spiċċuta -
biss biex inkunu xaħħamna sew butna?
Għalfejn ma nagħtux kas il ġmiel kbir l’hawn madwarna?
Għalfejn irridu naħtfu; nagħmlu kullimkien ‘tagħna’?
Malta nirriklamawha lil min jiġi u jmur lura,
imma x’minnu r-resident li jrid jgħix, u jgħix sura?
Li jrid jgħix bl-arja friska ġo mnifsejh,
u bid-dell tas-siġar li tħallew jikbru ħdejh...
Li jrid jgħix mingħajr ma jdum siegħa jew aktar
biex biss jasal sax-xogħol – għalkemm mhux bogħod, u bakkar...
Li jrid jgħix mingħajr biża’ li se jitlef ħajtu
mirdum taħt il-ġebel, jew vittma tat-traffiku...
Forsi hemm min jistaqsi – ‘Imma dar-resident
mhux aħjar jiskot ftit, flok ilment fuq ilment?
Wara kollox, dan ma jgħixx ġo xi għar...
Imaqdar il-bini, u jorqod ġewwa dar!
Igorr dwar il-karozzi, imma jsuq waħda hu!
U jekk jahdem, mhux għall-flus? Qed jimlieh butu, hux!’
Iva – veru – ma ngħixux ġo għerien.
Ma tantx nilmħu lil min għaddej ħafi u għerwien.
Ma tantx naraw min qed jitkarrab bil-ġuħ.
Imma xorta... hawn żiffa għaddejja, ma tantx tfuħ.
Żiffa ta’ żgħażagħ jirrabjaw, jew jiddispraw
għax lanqas jibnu ħajja hawn ma jaffordjaw.
Wara l-istudju u t-tagħlim u l-ħidma,
jgħidu – ‘jien lanqas fejn ngħix m’hu se jkolli, imma?’
Żiffa ta’ adulti msallbin waħda sew
biex jgħixu f’ żewġt ikmamar, li daż-żmien tant jiswew,
tant għolew, tant iħallsu għalihom,
li l-flus tas-salarju, tibda tgħid,
‘Kif se ngħix bihom?’
Żiffa ta’ anzjani li ħadmu tul ħajjithom -
jissieltu u jrabbu u jagħtu saħħithom,
biex issa ż-żmien li fadal jgħadduh fit-trabijiet,
u l-folol, u l-istorbju, flok fil-paċi u l-kwiet.
Forsi qed nesaġera.... mhux kulħadd hekk iħossu.
Imma jekk mhux kulħadd: ħafna.
Il-bniedem kemm tista’ trossu?
Kemm tista’ tagħsru? Kemm tista’ tidħaq bih?
Il-bniedem kemm jiflaħ iżomm ġewwa fih?
Il-bniedem irid li jħoss qalbu tistrieħ
fil-paċi, u fil-komunita’, u mhux minnufih
kif taħseb li għandek mument żgħir fis-skiet,
titfaċċa problema oħra; biċċ’ oħra nkwiet:
Permess ieħor ma’ ġenbek; lukanda oħra faċċata;
‘nightclub’ taħt imnieħrek... Iva – ma tħallux blata?
Ma tħallux ramla? Ma tħallux għalqa?
Aħna qed inħossuna fgati u mgħallqa.
Iktar milli tgergira, din hi rabja u diqa;
għajta onesta minn ġo qlub li għejjew siekta.
Għejjew jinkwetaw dwar il-ħajja ta’ kuljum.
Għejjew iħallsu l-eluf biex jgħixu, jum wara jum.
Għejjew jaraw l-art li tant iħobbuha
tgħaddi minn ħerba waqt li l-ftit ifottuha.
Le- ma ngħixux ġol-għerien; ma ngħixux fid-dalma.
Għandna għarfien biżżejjed biex nagħmlu din it-talba:
li taraw meta ż-żejjed hu verament żejjed;
li tgħarfu li issa verament qlajna biżżejjed.
Ejjew nammettu meta nkunu qbadna triq b’oħra.
Ejjew niftħu għajnejna, mhux ninġarru mal-kotra.
Mhux nibqgħu nibnu torrijiet fl-ajru u fl-art
li ma nistgħux inġorru magħna – lanqas qatt.
Xejn m’aħna se nieħdu, imma malajr ninsew.
Insibu, minflok, fiex nintilfu u nehdew.
Niġru wara xulxin, nikkompetu,
Niksbu, u nitħallsu, u nirrepetu.
Maqbudin ġewwa ċiklu, u ngħadduh lil uliedna -
Mingħalina kollna għerf, u ħalib ommna fi snienna.
Mingħalina nafu ħafna, imma x’aħna nitgħallmu?
Li s-sinjur huwa Alla, u li m’hawn ħadd bħalu?
Bħalu hawn hafna – kulħadd tad-demm u l-laħam,
u kulħadd se jsir trab: Iftaħ għajnejk, Ġaħan!
Iftaħ għajnejk, iftaħ qalbek,
għal mument – insa butek.
Għal mument, salva xtutek
u l-ħajjiet ta’ ħutek.