SOLD

Possibli m’għandniex xebgħa
mill-bini ssfrenat?
Ma tiġiniex reqqa
mill-għajta tal-fergħat
tas-siġar jaqgħu sobtu;
u mill-bikja tal-ħamri
li tant pprovdielna frottu?

Possibli ħadd ma tixgħellu f’moħħu l-idea
li qed jifga u qed joqtol – mingħalih li qed jikkrea?

Ħadd ma tuġgħu qalbu
hu u għaddej iħaffer?
U iva, ngħidu aħna,
Imbagħad hemm Alla jaħfer.

Din l-art tatni l-barka
tal-ħidma u tal-flejjes.
Kulħadd igorr – dan għaliex?
Ma waqqajnilkomx knejjes!

Kull ma farrakna, biss,
l-art sagra u naturali...
Dat-tgergir kollu għira -
xejn ma tixtieq tgħix bħali!

Bil-jott u l-art privata,
u bil-kont imballat;
villa ’l hawn u safra ’l hemm -
iva – ngħixu t’ Allat.

Allat tal-flus jinġemgħu
biex jittajru mar-riħ,
waqt li dak l’għandek inti
bilkemm tista’ tgħix bih.

Imma kkuntenta xorta!
Jekk inti għandek kaxxa -
erba’ ħitan u saqaf
tal-konkrit tagħna, tpaxxa!

U jekk tiddejjaq ġewwa,
mur gawdi bnadi oħra -
imma jekk toħroġ, tonfoq
u tkompli tħaffer ħofra...

għax issa, x-xtajta ‘lido’,
l-kampanja ‘shopping mall’ -
Imma, x’għandek xi terger?
Ara – You’ve got it all!

Xogħol li jagħtik biżżejjed
biex kemm ma tiddisprax,
u kultant xi kapriċċ
jasal ukoll, tibżax!

Anzi – l kapriċċ għamlu,
għax dak jgħin lilna wkoll.
Oħroġ – oħroġ u onfoq!
Irbatnik. Pprova ħoll.

Pprova sib farka paċi
fl-istorbju u t-tpaqpiq,
fiż-żibel u fid-dħaħen;
mur – ipprova fieq
mid-delużjoni li aħna jimpurtana
minnek u minn uliedek, u min m’hux ‘minn tagħna’.

Mur u ipprotesta
ħalli nitkasbar bik -
int li ma tarax valur
f’dak kolli l’qed nagħtik.

Fix-xtieli u l-ħaxix ħażin tara valur?
Fix-xagħri u l-bini antik int trid iddur?
Fejn xi ħarruba xiħa, xi naħla jew xi fjur?
Dawk issa għadda żmienhom – u jekk ma jogħġbokx, mur!

Biex inwieġeb sew:
Iva – possibbli ma narawx
li hemm taħt imneħirna,
għax isbaħ mill-flus m’hawnx.

Mur u ipprotesta!
Aħna nsoddu widnejna.
Bill-lejl ngħoddu flusna
u mmidduhom ħdejna.

Ngħodduhom.
Nadurawhom.
M’hemmx sold wieħed żejjed!

Adurawhom
Għax lilhom għandkom.
Il-bqija, lest u mejjet.

Ritratt ta’ Jean Vella minn Unsplash